Events & Activities

PRESS RELEASE

Arc-KAN. DUN MARTIN CAMILLERI MITT SENA MINN MEWTU

 (8 .9.1921 – 8.9.2021)

Minkejja li għaddew kważi 100 sena mill-mewt tal-Arċipriet Dun Martin Camilleri, li ġrat fit-8 ta’ Settembru 1921, il-komunità parrokkjali tan-Nadur, Għawdex għadha tgħożż il-memorja tiegħu sallum. Għalhekk matul ix-xhur li ġejjin il-parroċċa tan-Nadur ser tfakkar il-memorja ta’ dan is-saċerdot b’diversi inizzjattivi. Dan biex il-ġenerezzjonijiet ġodda tallum ikunu magħrfa dwar il-kisbiet importanti tiegħu, fosthom il-bini tal-faċċata u l-koppla tal-knisja Bażilika, x-xogħol tiegħu favur il-ħaddiema u l-familji Nadurin, u ħidma soċjali oħra.

Dun Martin kien saċerdot ħabrieki li ħabb lill-komunità, u kien bil-ħila tiegħu li n-Nadur għandu t-tempju monumentali li għandu llum. Wara 100 sena n-Nadurin għadhom igawdu mill-frott ta’ ħolmietu u ħidmietu. Għalhekk, in-Nadurin tallum għandhom obbligu li jħarsu dan il-patrimonju frott is-sagrifiċċji tan-Nadurin tal-imgħoddi. Għal dan il-għan, il-parroċċa tan-Nadur għadha kemm waqfet Grupp Organizzattiv bil-ħsieb li titfakkar il-memorja ta’ Dun Martin Camilleri. Fost l-inizzjattivi li diġà bdiet il-ħidma fuqhom hemm pubblikazzjoni  dwar l-Arċipriet Camilleri, studju dwar il-qagħda soċjali taż-żmien li fih għex, wirja dwar ħajtu u ħidmietu, u Serata Kommemorattiva li ser issir fil-ġranet tal-festa tal-Imnarja 2021.

NadurParish.com