News

Mons Mario Grech interviewed re Abortion, IVF & Constitution

Sunday 4th March 2018: Mons Mario Grech was interviewed re Abortion, IVF & the Constitution on “Illum” 

Click here to read. Intervista Mons Mario Grech

________________________

Intervista | ‘Il-lealtà tiegħi la hi lejn Ruma u wisq inqas lejn Kastilja’

L-abort, l-IVF, il-Kostituzzjoni, u l-Arċisqof Charles J Scicluna; l-Isqof Mario Grech iwieġeb mal-Illum

YENDRICK CIOFFI / 4 TA’ MARZU 2018 08:24

Ritratt: James Bianchi

Issa li d-diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni l-ġdida tidher li se taqbad ir-ritmu, ħafna qed jippruvaw jifhmu x’se jkunu l-elementi l-ġodda li se jkunu inklużi, filwaqt li xi wħud aktar qed jinkwetaw x’jista’ jitneħħa. Il-Knisja tidher li hija l-inqas waħda inkwetata, bl-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna jgħid li mhux se jagħmel “kruċjati” jekk ir-Reliġjon Kattolika ma tibqax imniżżla bħala t-twemmin tal-istat filKostituzzjoni l-ġdida.

F’intervista mal-ILLUM, l-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech, imur pass oltre minn hekk u saħansitra jasal biex jgħid li, għalkemm jiddispjaċih, mhux se jinkwieta żżejjed jekk il-Kurċifissi u l-Bambini jinteħħew mit-toroq u mill-postijiet pubbliċi.

“Wisq nibża’ li l-Bambini fit-toroq u l-kurċifissi mal-ħitan u fl-awli tal-Qrati qegħdin hemm u aħjar ma jkunux, għax xi drabi l-imġiba tagħna tikkontradixxi dawk l-immaġini… ninkwieta jekk is-soċjetà tieħu distanza mill-valuri tal-Evanġelju, jiġifieri l-valuri umani.”

Dan jikkuntrasta sew mal-pożizzjoni li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni, meta ħmistax ilu, waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, qal li mhux se jħalli lill-Gvern ineħħi l-kurċifissi mill-klassijiet, bilGvern immedjatament jiċċara li mhux se jirfes fuq dan it-terren sagru u ma għandu l-ebda intenzjoni li jneħħi l-kurċifissi.

Monsinjur Grech għadda dawn il-kummenti meta kien qed jitkellem dwar il-bżonn li l-Knisja f’Malta u Għawdex tieħu d-distanzi minn dawk li huma l-awtoritajiet ċivili. Fi kliemu, il-Knisja trid tagħmel għażliet fejn tirrinunzja għallprivileġġi u pożizzjonijiet li wirtet mill-istorja.
“Hemm individwi, anke bi skopijiet ulterjuri, li jridu bilfors iqabbżu lill-Knisja bħala istituzzjoni fil-kamp tal-politika. Jien ngħid li dik mhijiex materja strettament tal-Isqof”

“Aħna wisq assoċjati mal-poter,” qal l-Isqof waqt li saħaq li jiddejjaq meta xi ħadd iħares lejn il-Knisja bħala alternattiva jew aġent li bilfors irid jidħol fil-kamp taċ-ċivil. “Irridu nirrinunzjaw għal ċertu pożizzjonjiet li nġemgħu mas-snin… irridu nissaffew minn din il-mentalità. Nibża’ li l-istorja għadha wisq fil-menti ta’ xi wħud.”

Kien għalhekk li, fost l-għażliet li għamel, Monsinjur Grech iddeċieda li ma jattendix aktar għall-ikliet statali u anke jirrinunzja għal dawk li ddeskrivihom bħala s-siġġijiet il-ħomor fil-fillieri ta’ quddiem.

“Anke biex tidher id-distinzjoni bejn il-ministeru tal-Isqof u dawk lambjenti… anke biex nibagħtu messaġġ. Jiena posti narah aktar fit-triq, nakkumpanja liż-żgħir milli spalla ma’ spalla ma’ ma nafx min fuq dawk is-siġġijiet,” kompla jisħaq Monsinjur Grech. “Ma aħna se nitilfu xejn, anzi naħseb li nkunu qed nakkwistaw.”

“Ma għandniex nidħlu fil-kamp politiku…” 

Imma l-Knisja għandha titkellem fuq il-korruzzjoni, fuq ftehim kbir tal-Gvern jew paġni ċċensurati minn kuntratti kbar ippubblikati?

Qabel wieġeb, l-Isqof għamel distinzjoni bejn dak li wieħed jifhem bi Knisja. Spjega kif għal ħafna, il-Knisja tfisser il-ġerarkija, jiġifieri l-Papa, il-Kardinali, l-Isqfijiet u s-Saċerdoti. Hawnhekk kien ċar. Jekk b’Knisja qed nifhmu l-ġerarkija, allura “le ma għandniex, mhijiex kompetenza tagħna. Fi kliemu din hija kompetenza tal-lajċi u tallajċi Nsara.”
“Il-Knisja tal-lum mhijiex il-Knisja tal-ħamsinijiet u s-sittinijiet. Ma jfissirx li hija Knisja indifferenti minn kif tiżvolġi l-istorja tan-nazzjon. Imma ma għandniex nidħlu fil-kamp politiku. Din hija kompetenza tad-dinja tal-lajċi,” saħaq Monsinjur Grech. “Hemm individwi, forsi wkoll bi skopijiet ulterjuri, li bilfors iridu jqabbżu l-Knisja bħala istituzzjoni fil-kamp tal-politika. Din mhix materja strettament tal-Isqof imma hija kamp nobbli tal-lajkat.”

Fakkar li l-Knisja f’Malta għandha kuntest partikolari u għalhekk insista li l-ewwel u qabel kollox, il-Knisja jeħtieġ tirkupra l-identità tagħha. “Aħna qabel forza soċjali, aħna komunità reliġjuża u l-qalba tal-messaġġ tagħna huwa spiritwali.”

Fi kliemu, meta s-soċjetà tara fil-Knisja dak li verament hi, tkun lesta biex tisma’ l-Knisja x’għandha tgħid fuq kwistjoni soċjali, mid-dimensjoni spiritwali.

Imma allura ma għandekx titkellem jew tiġbed l-attenzjoni meta tinduna li xi ħaġa mhux qed issir sewwa?

“Jien nista’ nitkellem fuq l-istess suġġett (sinċertà, korrettezza jew ġustizzja) minn angolatura differenti, nevita li nidħol fil-kontroversja imma l-valur inkun qiegħed inwasslu xorta,” wieġeb l-Isqof.
“Konvint li l-Knisja trid tieħu d-distanzi minn dak li huma l-awtoritajiet ċivili…aħna wisq assoċjati mal-poter”

Kompla jgħid li għalkemm ħafna drabi jkun hemm min ma jifhmux, iħoss li jkun qiegħed jiggwida anke bis-silenzju, għax skontu, issilenzju ma jfissirx approvazzjoni.

“Din hija t-tensjoni kontinwa li ngħix jiena… ma tafx li mhux kuntent b’ċertu fatti kif jiżvolġu?”

“Il-lealtà tiegħi la hi lejn Ruma u wisq inqas lejn Kastilja” 

F’dan id-dawl, staqsejna lil Monsinjur Grech għalfejn dam biex tkellem wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u x’jaħseb mill-kritika tal-blogger Manuel Delia meta qal li hu jaqdi żewġ sidien: Ruma u Kastilja.

L-Isqof Grech kien skjett. “Inħalli lill-istorja tiġġudikani u meta jkun il-waqt ngħid aktar… il-lealtà tiegħi mhix lejn Ruma u wisq inqas lejn Kastilja, il-lealtà tiegħi hija lejn Kristu u lejn il-bniedem.”

Qal biss li l-pożizzjoni tiegħu kienet waħda meqjusa, riflessa u f’atteġġjament ta’ talb. “Ma jimpurtax li ġejt interpretat ħażin u inġustament.”
Imma ħdejn l-Arċisqof Scicluna tidher li żżomm ħafna lura. Kwistjoni ta’ karattru jew aktar?

“Allaħares jiena u l-Arċisqof Scicluna naqraw dejjem minn fuq listess karta jew inkantaw dejjem l-istess innu,” wieġeb l-Isqof.

Insista li minkejja “it-tkeskis, anke min-nies ġewwa l-Knisja stess,” hemm komunjoni u relazzjoni sabiħa ħafna bejnu u l-Arċisqof Scicluna u jikkondividu, jekk mhux kollox, kważi kollox.

“Imbagħad kulħadd għandu l-libertà li jagħti t-tifsila tal-ħajja skont kif jaraha hu,” saħaq Monsinjur Grech.

Aktar tard meta mistoqsi x’jaħseb dwar l-Arċisqof Scicluna, Monsinjur Grech qal li filwaqt li wieħed jista’ ma jaqbilx ma’ dak kollu li jgħid, jemmen li huwa raġel sinċier u li l-lealtà tiegħu hija lejn Alla. “Naqra kritika fuq il-bloggs u dik, anke jekk ma ssirx lili, tweġġagħni għax qed titkellem minn ħija fl-Episkopat. Jekk jaqla’ daqqa hu, inħossha jiena wkoll.”

Abort: “Mhux numru allarmanti imma mhux insinifikanti…” 

Ma’ Monsinjur Grech tkellimna wkoll fuq il-kwistjoni tal-abort, anke fid-dawl tal-aħħar stħarriġ ippubblikat mill-gazzetta oħt MaltaToday u l-kummenti tal-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet Umani, Nils Muižnieks.

Dwar dak li qal Muižnieks, l-Isqof Grech qal illi kieku jkollu jiltaqa’ miegħu, l-ewwel li jagħmel ikun li jistaqsih jekk jemminx li filkonċepiment tinħoloq ħajja umana u allura, minn dak il-ħin, fil-ġuf għandek persuna. Fi kliemu, dan huwa l-prinċipju li fuqu jorbot kollox.
Iżda x’jiġri jekk ikollok quddiemek sitwazzjoni fejn il-ħajja tal-omm tinsab fil-periklu?

“Nitlob lil Alla li qatt ma nsib ruħi quddiem sitwazzjoni bħal din,” saħaq Monsinjur Grech. Spjega iżda li jekk għandek adult li jinsab f’periklu, u persuna fil-ġuf bla vuċi u dgħajfa, xi ħadd irid jiddefendi lil min hu vulnerabbli.

“Jekk għandek persuna, din għandha dritt għall-ħajja. Jiena min jien biex niddeċiedi min għandu jgħix bejn l-omm u t-tarbija?” staqsa l-Isqof. “Jekk is-soċjetà tagħżel li biex tiddefendi persuna se toqtol oħra, allura se niftħu triq li ma nafx fejn se twassalna, għax l-istess prinċipju jista’ jkun applikat f’ċirkostanzi oħra.”

Skont l-istħarriġ tal-MaltaToday, maġġoranza relattiva tal-Maltin jaqblu mal-abort f’din iċ-ċirkostanza. Kienu 46% li wieġbu li jaqblu mal-abort f’din is-sitwazzjoni, kontra 27% li ma jaqblux.

“Naf ommijiet li għamlu l-abort u baqgħu b’barxa…” 

Iżda kif iwieġeb l-Isqof Grech jekk quddiemu tmur tfajla, li ġiet stuprata, inqabdet tqila u ma tridx it-tarbija? Saħaq li l-ewwel u qabel kollox trid tifhem lill-bniedem.

Insista li f’każijiet bħal dawn is-soċjetà trid tgħin u mhux tikkundanna. Triq tagħti “l-assigurazzjoni” lil dik l-omm, li jekk hi mhux kapaċi trabbi t-tarbija, hawn l-adozzjoni u familji li lesti jagħtuha l-ħajja.
“Jekk is-soċjetà biex tiddefendi persuna tagħżel li toqtol oħra se niftħu triq li ma nafx fejn tista’ twassalna”

Fakkar f’Dar Ġużeppa Debono li toffri l-għajnuna lil dawn l-ommijiet żgħar li wħud minnhom jagħżlu li jżommu t-tarbija filwaqt li oħrajn jiddeċiedu li jagħtuha għall-adozzjoni.

Semma każijiet ta’ ommijiet li ma ridux it-tarbija u llum hija l-għaxqa tagħhom u ommijiet oħra li neħħew it-tarbija u llum għadhom birrimors. Irrakkonta esperjenza ta’ omm, li fi kliemu għandha rimorsi kbar, mhux għax għamlet l-abort, imma għax is-sieħeb tagħha wassalha biex titlef it-tarbija.

Fi kliemu, minkejja dan, xorta tħossha omm, li tilfet wild. “Kieku jkollna soċjetà li ma ssibx biss the shortest cut imma tibqa’ tgħożż il-valur fundamentali tal-ħajja, naħseb li nkunu saħħaħna patrimonju li għandna,” saħaq l-Isqof.

Mistoqsi jekk jinkwetahx in-numru ta’ ommijiet li jagħmlu l-abort, Monsinjur Grech wieġeb li “n-numru mhuwiex allarmanti, imma lanqas insinifikanti.”

“Ninkwieta mhux minħabba l-morali, imma minħabba l-ħajjiet li ntemmu u anke minħabba l-ommijiet,” saħaq Monsinjur Grech. “Irid ikollna kultura li tilqa’ aktar mhux biss lit-tarbija imma anke lil min qed jistenna tarbija mhux ippjanata.”

IVF: Nifraħ u nilqa’ d-don tal-ħajja 

Tkellimna wkoll dwar il-proċedura tal-IVF u l-kritika li tlaqqat ilKnisja minn min jgħid li mhux sensibbli għal dawk il-koppji li ma jistgħux ikollhom tfal b’mod naturali.

Monsinjur Grech saħaq li jifraħ, meta waqt preżentazzjoni tat-trabi, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu, tmur nanna fuqu u tgħidlu: “Din it-tarbija don mingħand il-Bambin. Din bl-IVF!”

“Jien nifraħ li qed nilqa’ d-don tal-ħajja,” saħaq l-Isqof. Dwar il-proċedura nnifisha, qal li wieħed mhux korrett meta jgħid li l-Knisja favur u l-Knisja kontra, għax fi kliemu, kieku tista’, il-Knisja tagħmel triq fil-baħar għall-bniedem.
Iżda saħaq li hemm prinċipji li jridu jiġu osservati. Fi kliemu, hemm żewġ kwistjonijiet fl-IVF, waħda ħafna gravi milloħra. L-ewwel punt huwa l-fatt li, skont it-tagħlim tal-Knisja, l-att li bih titnissel it-tarbija jrid isir flimkien mal-att li fih koppja tingħaqad flimkien. “Fl-IVF dan mhux rispettat.”

Iżda hemm it-tieni punt li fi kliemu huwa sejru ħafna aktar. Staqsa x’se jsir mill-bajd iffertilizzat. “Il-bajd kollu se jitpoġġa fil-ġuf? Jekk le se jitpoġġa fil-freazer? U jekk jitpoġġa fil-freazer u huwa diġà fertilizzat, allura dan mhux bniedem?… Din tinkwetani ħafna aktar.”

Fi kliem l-Isqof Grech, meta jkollok dan il-każ, ma tistax taqbad u taqta’ linja u tgħid ma hemmx diskussjoni. Saħaq li meta xi ħadd se jitolbu parir, se jpoġġi fuq il-mejda dawn il-fatturi kollha u wieħed jara x’soluzzjoni jista’ jkun hemm.

“Fil-prinċipju, dwar l-IVF għad hemm ħafna mistoqsijiet, però kull każ jiġi studjat għalih. Jekk ma hemmx triq oħra, allura tagħżel millinqas ħsara li tista’ tagħmel,” temm jgħid l-Isqof Grech.

Other Articles

Events & Activities Media News
Easter Events & Activities Media
Events & Activities Media News
Media
Easter Events & Activities Media
Events & Activities Lent
NadurParish.com