It-Torri ta’ Kenuna
Qabelxejn, l-isem Ta’ Kenuna ġej mill-kelma kenur, li huwa l-post li fih jitkebbes in-nar, probabbli fi żminijiet iktar imbiegħda dawn l-inħawi kienu wżati biex minnhom jingħataw sinjali ta’ ħbit tal-għadu permezz tal-ħġejjeġ.
Fuq il-bieb tal-Lvant tat-torri hemm skrizzjoni li tgħid VR 1848: indikazzjoni li t-torri ġie mibni fi żmien ir-Reġina Vittorja tal-Ingilterra fl-1848 u fi żmien meta kien hawn Gvernatur ta’ Malta Richard More O’Ferrall. Jinkludi fih żewġt ikmamar u żewġ bibien oħra barra dan li semmejna, wieħed jagħti għall-Punent u l-ieħor għal Nofsinhar u titla’ għas-sular ta’ fuq permezz ta’ garigor.
L-iskop li għalih ġie mibni kien li jkun mezz ta’ komunikazzjoni tat-telegrafu bejn Malta u Għawdex. Kien allura f’komunikazzjoni diretta ma’ torri ieħor simili fil-Għargħur Malta. Dan it-torri kien prinċipalment użat mill-militar, imma l-pubbliku seta’ jikkomunika permezz tiegħu wkoll għall-ħlas ta’ sixpence (€0.06) kull għoxrin kelma li tintbagħat. Imma l-użu tat-torri għat-telegrafu ma tantx dam, għax il-progress teknoloġiku kien qed javvanza b’rata mgħaġġla. Issa l-komunikazzjoni setgħet tibda ssir permezz ta’ linja diretta u mhux aktar bit-telegrafu. Fl-1860 ġiet mgħoddija linja bħal din bejn Malta u Għawdex li ħalliet it-torri ta’ Kenuna bla użu wara biss tnax-il sena ta’ użu.
Aktar ‘il quddiem daħal ukoll it-telefon, bl-ewwel wieħed fin-Nadur jiġi nstallat fl-1899 fl-Għassa tal-Pulizija. Maż-żmien it-torri safa mitluq u abbandunat. Partijiet minnu bdew jiġġarfu. Fit-Tieni Gwerra Dinjija l-inħawi ta’ Kenuna kienu milquta. Fid-9 ta’ Marzu 1941, ħames ajruplani Ġermaniżi dehru jittajru fil-baxx ġejjin minn naħa tar-Ramla. Wieħed minnhom tfarrak mas-sies taħt it-Torri ta’ Kenuna.
it-Torri fil-Preżent
It-torri baqa’ mitluq sakemm fl-aħħar tas-seklu għoxrin, il-kumpanija Maltacom p.l.c., il-kumpanija nazzjonali tat-telekomunikazzjoni ħaditu f’idejha, irrestawratu u poġġiet fih it-teknoloġija u l-infrastruttura meħtieġa biex tkun tista’ topera minn ġo fih il-Global Maritime Distress and Safety System (GMDSS) li hija għajnuna lil bastimenti li jkunu qed isibu ruħhom f’diffikultà waqt it-tbaħħir tagħhom.
Nistgħu ngħidu li allura t-torri ta’ Kenuna reġa’ beda jiġi użat għal skop simili li għalih kien inbena fl-1848 – dak tal-komunikazzjoni. Huwa reġa’ ġie nawgurat mija u ħamsin sena wara li nbena, fl-20 ta’ Diċembru 1998.
Kitba u riċerka: Daniel Meilak B.A. (Hons)
Ritratti: Darren Cassar