Il-Mużew Marittimu li jinsab f’idejn il-parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur beda bħala inizzjattiva ta’ Kelinu Grima, għalliem fl-iskola primarja, kollezzjoni li beda jiġbor sa mill-1930ijiet. Grima kien iġemma’ dawn l-oġġetti kollha fid-dar tiegħu stess. Meta Kelinu Grima beda javvanza fl-età, huwa ddeċieda li jħalli l-kollezzjoni tiegħu li issa kienet kibret ġmielha wara madwar sebgħin sena lill-parroċċa tan-Nadur. Ried jinħaseb post fejn din il-kollezzjoni setgħet tiġi esposta bħala mużew.

Taħt id-direzzjoni tal-Arċipriet Mons. Salvu Muscat intagħżlet id-Dar Parrokkjali l-qadima tal-Parroċċa fi Triq il-Kappillan, eżattament wara d-dar Parrokkjali l-ġdida. Din il-binja nbniet mill-kappillan tan-Nadur Dun Ġwann Camilleri (aktar tard Arċipriet) fl-1881. Hija dar b’faċċata mill-isbaħ u li ma’ baqgħetx tiffunzjona bħala Dar Parrokkjali mal-aħħar Arċipriet li l-parroċċa kellha li ma kienx mir-raħal, il-Kan. Ġużeppi Cassar, minn Ta’ Sannat u li miet fl-1950. Malajr il-kollezzjoni bdiet tiġi mqiegħda f’postha. Il-Mużew ġie nawgurat mill-Ministru ta’ Għawdex l-Onor. Giovanna Debono fid-19 ta’ Ġunju 1999. 

Meta wieħed iżuru jintebah li hemm erba’ swali b’oġġetti li ġejjin minn tlett mitt sena ta’ storja marittima. L-ewwel sala tinkludi fiha madwar tlett mitt biċċa minn bastimenti, kemm militari u kemm dawk tal-passiġġieri kif ukoll xi mudelli ta’ vapuri oħrajn.

Fit-tieni sala nsibu oġġetti ta’ valur ikbar, bħal biċċa mill-bastiment HMS Victory li fuqha baħħar l-Ammirall Ingliż ta’ ħila Lord Nelson u oħrajn. Fit-tielet sala hemm diversi biċċiet mill-vapur Amerikan, il-US Constitution, mudell tal-Calypso, dak li fuqu baħħar ir-riċerkatur Franċiż Jacques Costeau. Insibu wkoll xi ex-votos lokali li għandhom x’jaqsmu mal-baħar. Fir-raba’ sala nsibu mudelli u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-vapuri lokali tat-traġitt bejn Malta u Għawdex.

Kitba u riċerka: Daniel Meilak B.A. (Hons)
Ritratti u Filmati: Darren Cassar
 

NadurParish.com