Il-Knisja Parrokkjali
In-Nadur inqata’ parroċċa għalih mill-Matriċi ta’ Għawdex fit-28 ta’ April 1688. Għall-bidu bdiet tintuża l-knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni bħala knisja parrokkjali, iżda fuq ordni tal-Isqof David Cocco Palmeri bdiet tinbena waħda mill-ewwel kappillan Dun Bernard Haber fuq l-għolja tan-Nadur u tlestiet fl-1705 fejn insibu wkoll li kien diġà jeżisti l-kwadru titular ta’ attribwit lil Giovanni Chiesa. Iżda billi l-popolazzjoni tan-Nadur bdiet tikber ġmielha, fl-1760 il-kappillan Dun Salv Galea bierek l-ewwel ġebla ta’ knisja parrokkjali ġdida li damet tinbena sal-1804, iddisinjata mill-arkitett tal-Ordni ta’ San Ġwann Ġużeppi Bonnici. Ġiet imbierka fl-24 ta’ Ġunju tal-istess sena u kienet tikkonsisti f’korsija u kappelluni forma ta’ salib latin, b’żewġ kampnari. Il-knisja parrokkjali l-ġdida iżda damet ma’ ġiet ikkonsagrata sat-12 ta’ Mejju 1867 mill-Amministratur Appostoliku l-E.T. Pawlu Micallef fi żmien il-kappillan Dun Ġwann Battista Grech.
Fl-1763, il-kappillan Dun Salv Galea kiseb il-fdalijiet ta’ bniedem miżmum b’martri u li sena wara fl-1764 iddeċieda li jirregalah lill-parroċċa. Saret it-translazzjoni tiegħu mid-dar tal-kappillan sal-knisja parrokkjali u ngħata l-isem ta’ San Koronatu.
Fl-1855 u l-1872 il-knisja tan-Nadur saret Matriċi għal Għajnsielem u l-Qala rispettivament. L-aħħar żewġ deċennji tas-seklu dsatax raw progress kbir. Fl-1882, il-kappillan Dun Ġwann Camilleri ġab l-istatwa titulari ta’ San Pietru u San Pawl minn Marsilja fi Franza, maħduma mill-kumpanija Galard et Fils. Fl-1892 inġab it-tużell tal-bellus aħmar minn Franza wkoll. Fid 19 ta’ Diċembru 1893, wara ħafna taħbit, il-knisja Matriċi tan-Nadur ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Arċipretali u fl-1 ta’ Jannar 1894, il-kappillan Dun Ġwann Camilleri ħa l-pussess bħala l-ewwel Arċipriet tal-parroċċa. Fid-19 ta’ Settembru 1894 il-Papa Ljun XIII iffirma l-bolla Sanctæ Romanæ Ecclesiæ li biha l-knisja tan-Nadur saret Kolleġġjata Insinji bi privileġġi rari u prestiġjużi. Sa dan it-tant, fl-aħħar żmien tal-parrokat ta’ Dun Ġwann Camilleri beda jinħaseb biex titkabbar il-knisja parrokkjali. Għalhekk ġie mqabbad il-Prof. Francesco Saverio Sciortino biex jagħmel id-disinn u x-xogħol tkompla biż-żelu tal-Arċipriet il-Kan. Martin Camilleri. Saru n-navi, il-faċċata u l-koppla, xogħol li tlesta fl-1915 u ta dehra maestuża lill-knisja. Fl-1910 tqabbad ukoll il-Prof. Lazzaro Pisani biex jibda x-xogħol tal-pittura tas-saqaf, xogħol li jinkludi fih 153 biċċa u li dam sejjer sal-1927. Ma dawn l-opri tal-arti ta’ Pisani jidħlu diversi opri oħrajn ta’artisti differenti li jmorru lura sas-seklu sbatax. Tqabbad ukoll l-iskultur Ruman Pio Cellini biex ikompli jsebbaħ il-knisja.
Fl-1932 sar kanċell ġdid u fl-1939 sar il-paviment tal-knisja ddisinjat minn Pisani nnifsu. Matul is-seklu saru diversi twieqi stained glass li nġabu minn Grenoble fi Franza. Fl-1960 sar pupltu tal-irħam iddisinjat mill-Prof. Oscar Testa u matul l-1960ijiet sar l-irħam mal-ħitan tal-knisja li nġab mill-Italja. Fl-1967 il-knisja kolleġġjata ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri bil-bolla Romæ Parentibus tal-Papa Pawlu VI. Lejn tmiem is-snin 1970ijiet saru l-bankijiet fil-knisja kif ukoll artal ġdid iddisinjat minn Emvin Cremona, fit-1980ijiet fi żmien l-Arċipriet Mons Salvu Muscat ġew restawrati l-pitturi ta’ Pisani, fid-1990ijiet saret niċċa, bankun u bradella ġodda tal-istatwa titulari u fl-2010 sar tabernaklu ġdid tal-fidda disinjat mill-Kan. Charles Vella.
Riċerka u Kitba: Daniel Meilak B.A. (Hons)
Vidjo u Ritratti: Darren Cassar