Kien l-aħħar torri li nbena mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann mal-kosta ta’ Għawdex. Għalhekk, huwa kien baqa’ magħruf bħala La Torre Nouva, jew inkella t-Torri l-Ġdid. Aktar tard maż-żmien, insibuh ukoll riferut bħala La Torre di Dahlet Qorrot. Dan għaliex dan it-torri huwa mperreċ fuq is-sies tal-Mistra li jiġi bejn il-bajja ta’ San Blas u l-Port ta’ Daħlet Qorrot biex iħares din il-parti tal-kosta. Illum magħruf bħala t-Torri ta’ Sopu għax l-art li fl-inħawi tagħha huwa mibni kienu jgħidulha Ta’ Sopu.

Wara li nħasset il-ħtieġa, t-torri beda jinbena fl-1667 u ġie mħallas mill-Università ta’ Għawdex u baqa’ jiġi amministrat mill-istess Università. Din kienet eċċezzjoni, għax normalment it-torrijiet l-oħra kienu jaqgħu direttament taħt il-Kmandant tal-Artillerija.

Fuq il-faċċata tat-torri nsibu erba’ armi: waħda tal-Granmastru tal-ordni li fi żmienu nbena: Fra Nikol Cottoner, dik tal-Gvernatur ta’ Għawdex: Fra Ludovico Xedler y Gomez, l-arma ta’ Għawdex u l-arma tal-Kmandant Fra Jean Jacques de Verdelin. It-torri, b’żewġ sulari, spiera u bil-pont li jagħti għall-bieb li kien jista’ jintrefa’ għas-sigurtà, ġie mibni fuq għoli ta’ 120 metru mil-livell tal-baħar, xi ħaġa li kienet tagħtih vantaġġ għax jara parti sew mill-kosta. 

Fl-1671 insibu li t-torri kien mgħammar sew b’dak kollu meħtieġ, inklużi armi u munizzjon. Kellu l-kastellan tiegħu kif ukoll ajjutant biex jgħinu. Matul il-jum kien ikun biżżejjed li joqgħod hemm wieħed minnhom biss, iżda bil-lejl, minħabba l-periklu tal-furbani kien meħtieġ li jkunu hemm it-tnejn li huma. Imma mill-bidu tiegħu t-torri kien espost għal diversi elementi bħal ma’ huma r-riħ u r-raxx tal-baħar mielaħ. Dan kollu kien jikkawża ħsara fil-ġebla tiegħu. Lejn l-1705, l-Università kienet diġà ħasset il-ħtieġa li ssewwi t-torri mill-ħsarat li kellu. Wieħed miż-żewġ kanuni li kellu dan it-torri illum jinsab fiċ-Ċittadella ta’ Għawdex u l-ieħor kien intilef. 

L-veduta ta’ Daħlet Qorrot minn ħdejn it-Torri ta’ Sopu

Lejn tmiem il-ħakma tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fuq Malta, it-torri għamel biċċa xogħol li baqgħet magħrufa mal-gżejjer Maltin kollha. Fit-13 ta’ Ġunju 1798, l-eżerċiti tal-Ġeneral Napuljun Bonaprte dehru fuq il-kosta tan-Nadur biex jinvadu lill-Għawdex. Hekk kif in-Nadurin intebħu x’kien ġej, dawn issugraw jiġru lejn it-Torri ta’ Sopu u l-Batterija tar-Ramla l-Ħamra u fetħu nar qawwi fuq il-Franċiżi. Kienet l-unika reżistenza li l-Franċiżi sabu fl-okkupazzjoni tagħhom tal-gżira. Imma kien għalxejn; malli raw il-Franċiżi javvanzaw, in-Nadurin ħarbu jiġru. Il-Franċiżi telgħu l-ewwel in-Nadur, għaddew fil-Knisja Parrokkjali, serqu xi oġġetti minnha u baqgħu sejrin lejn il-Fortizza Chambray. 

Imbagħad fi żmien l-Ingliżi baqa’ jiġi wżat mir-Royal Malta  Fencible Regiment u nsibu li fl-1871 reġa’ kellu bżonn xi tiswijiet. Dan dam użat sal-1873, sakemm l-RMFA ma’ baqgħetx tieħu ħsieb l-għassa tax-xtut. It-Torri baqa’ abbandunat. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija ġie li rrapurtat li nxteħtu xi bombi madwaru, għalkemm huwa qatt ma’ ntlaqat b’mod dirett.

Fl-2006, il-Kunsill Lokali tan-Nadur flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa rrestawra dan it-torri, li kellu ħsarat konsiderevoli u reġa’ ġie nawgurat fid-29 ta’ Awissu tal-istess sena.

Ritratt: t-Torri ta’ Sopu fl-inawgurazzjoni tar-restawr fi 2006.

Kitba u riċerka: Daniel Meilak B.A. (Hons)
Ritratti u Filmati: Darren Cassar
 

NadurParish.com