Maġenb il-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl insibu binja interessanti li timmanifesta d-diversi metodi ta’ bini li ntużaw lokalment matul is-sekli.

Il-Ħanut – Minn barra jidher daqsxejn ta’ kamra, b’bieb fil-ġenb tagħha li jagħti għal-pjazza 28 ta’ April 1688 u daqsxejn ta’ tieqa għall-arja.

In-naħa ta’ ġewwa jidhru tlett tipi ta’ stili ta’ bini. L-ewwel nett, fuq ġewwa nsibu daqsxejn ta’ kamra li dari kienet ħanut tal-inbid u tinfed magħha nsibu kamra żgħira ħafna li minnha kien jisserva l-klijent u li fiha kienu jqiegħdu l-inbid għall-bejgħ u affarijiet oħra. Il-ħanut huwa bini antik ferm u jmur lura anke sas-seklu sbatax. Il-ħitan ta’ dan iż-żmien huma mibnijin bil-mazkan li jikkonsisti f’biċċiet ta’ ġebel, frak u xaħx. Iserrħu fuqu hemm il-ħnejjiet li jżommu s-saqaf tax-xorok. Insibu wkoll stil ieħor f’din il-kamra. Fuq in-naħa tal-lemin, jidher li l-bini ġie miżjud wara hekk kif kienet qed tinbena d-dar ‘Imnarja’.

Id-dar – għalkemm hija qadima wkoll, imma hija ferm aktar riċenti mill-ħanut. Probabli tmur lura lejn l-aħħar tas-seklu dsatax jew is-seklu għoxrin. Magħrufa mill-lokali bħala ‘Taż-Żarmuġa’, il-laqam tan-nies li kienu joqgħodu fiha dari. Din minn barra fiha faċċata tradizzjonali b’bieb u tieqa. Minn ġewwa, kuridur, żewġt ikmamar u bieb li jagħti għall-ħanut u ieħor li jagħti għall-bitħa mdaqqsa isfel. Imbagħad minn taraġ titla’ fuq u ssib ruħek fil-kamra tal-bejt. Id-dar inxtrat flimkien mal-ħanut mill-parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl ftit tas-snin ilu fil-parrokat tal-Arċipriet Mons. Salvu Muscat, u fil-bidu tal-parrokat tal-Arċipriet Mons. Jimmy Xerri din bdiet tiġi restawrata għall-użu.

Fuq in-naħa tax-xellug tad-dar insibu niċċa n-naħa ta’ fuq. Din hija niċċa mdaqqsa u li fiha hemm xbieha tal-Madonna tal-Karmnu, xbieha antika ferm, b’lapida taħtha, bħal ma’ kien ikun hemm taħt niċeċ antiki oħrajn li fuqha hemm imniżżel li min jgħid il-ġakulatorja jirbaħ indulġenza.

Kitba u riċerka: Daniel Meilak B.A. (Hons)
Ritratti u Filmati: Darren Cassar
 

NadurParish.com