
PROGRAMM
TAL-FESTI SOLENNI
F’ĠIEĦ IL-PRINĊPIJIET TAL-KNISJA
L-APPOSTLI SAN PIETRU U SAN PAWL
li ser jiġu ċċelebrati mill-Parroċċa Arċipretali, Matriċi, Kolleġġjata Insinji u Bażilika tan-Nadur, Għawdex
bejn il-15 ta’Ġunju u d-29 ta’Ġunju 2010
u
tal-Pussess
ta’ Mons. Jimmy Xerri PH.L.
bħala s-Seba’ Arċipriet u l-Ħmistax-il Ragħaj Spiritwali tal-Parroċċa
nhar il-Jum tal-25 ta’ Ġunju 2010
Motto:
‘Fittxu li ssaħħu s-sejħa u l-għażla tagħkom’
( 2 Pt 1, 10 )
It-Tlieta, 15 ta’ Ġunju:
7.30 p.m.: Il-Banda ‘Mnarja’ tagħmel marċ fiż-żona residenzjali tal-Ħali u wara tittella’ Attività Soċjali.
Bidu tal-Festi Solenni
Il-Ġimgħa, 18 ta’ Ġunju:
JUM IL-ĦRUĠ TAL-ISTATWA TITULARI MIN-NIĊĊA
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.45 p.m.: Rużarju bis-sehem tal-komunità parrokkjali. 7.15 p.m.: Konċelebrazzjoni Solenni bis-sehem tal-Banda ‘Mnarja’ ċċelebrata mill-Arċipriet maħtur Mons. Jimmy Xerri PH.L., flimkien mal-Kapitlu u Kleru tal-Parroċċa. Janima l-Kor ‘Jubilate Deo’. Antifona u Barka Sagramentali. Wara jsir il-ħruġ Solenni tal-Istatwa Titulari tal-Appostli San Pietru u San Pawl min-niċċa. 9.00 p.m.: Tittella’ Attività Soċjali fi Pjazza l-Arċipriet Dun Martin Camilleri.
F’dan il-jum jibda l-qrar tal-morda fi djarhom minn numru ta’ konfessuri barranin.
Is-Sibt, 19 ta’ Ġunju: L-Ewwel Jum tan-Novena
JUM IL-FAMILJA
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.45 p.m.: Rużarju mmexxi minn numru ta’ familji membri tal-komunità parrokkjali. 7.15 p.m.: Quddiesa tan-Novena ċċelebrata minn Mons. Isqof Emeritus Nikol Ġ. Cauchi bis-sehem tal-familji tal-Parroċċa. Wara l-omelija minn Mons. Isqof, jiġi amministrat is-sagrament tal-magħmudija lil numru ta’ trabi ġodda mill-parroċċa. Wara Kurunella, Antifona u Barka Sagramentali. 9.00 p.m.: Ftuħ tal-Wirja Agrarja ta’ prodotti imkabbra mill-bdiewa Nadurin kif ukoll ta’ pjanti, annimali domestiċi u artiġjant, mill-Onor. Chris Said Segretarju Parlamentali għad-Djalogu Pubbliku u Informazzjoni, fi Pjazza l-Arċipriet Dun Martin Camilleri organizzata mill-Kunsill Lokali tan-Nadur. Wara jkun hemm serata ta’ għana u żfin folkloristiku minn diversi gruppi mistiedna. Jiġi servut ikel tradizzjonali Malti.
F’dan il-jum isir it-tqarbin tal-morda fi djarhom.
Il-Ħadd, 20 ta’ Ġunju: It-Tieni Jum tan-Novena
JUM IL-MORDA, ANZJANI U PERSUNI B’DISABILITÀ
8.00. a.m.: Tkompli l-Wirja Agrarja fi Pjazza l-Arċipriet Dun Martin Camilleri bis-sehem ta’ diversi gruppi folkloristiċi mistiedna. 9.15 a.m.: Marċ mill-Banda ‘Mnarja’ li jibda minn Vjal l-Imnarja sal-Pjazzetta. 10.30 a.m.: Tberik tal-pets u annimali mill-Arċipriet maħtur Mons. Jimmy Xerri PH.L. u preżentazzjoni ta’ tifkira lill-esebituri mill-Onor. Giovanna Debono Ministru għal Għawdex u s-Sindku tan-Nadur Miriam Portelli. 11.30 a.m.: Quddiesa fil-Bażilika għal pesuni b’diżabilità u wara festin għalihom fis-sala Parrokkjali imħejji miż-żgħażagħ tal-parroċċa. 3.00 p.m.: Tiġrija taż-żwiemel fi Triq tax-Xħajma. 4.45p.m.: Rużarju bis-sehem tal-komunità parrokkjali. 5.00 p.m.: Quddiesa tan-Novena ċċelebrata mill-Isqof Emeritus Mons. Nikol Ġ. Cauchi bis-sehem tal-morda u l-anzjani tal-Parroċċa li fiha jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda lil dawk preżenti. Wara Kurunella, Antifona u Barka Sagramentali.
It-Tnejn, 21 ta’ Ġunju: It-Tielet Jum tan-Novena
JUM IT-TFAL
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.45 p.m.: Rużarju bis-sehem tat-tfal tal-parroċċa. 7.15 p.m.: Quddiesa tan-Novena mmexxija minn Dun Michael Said bis-sehem tat-tfal kollha tal-parroċċa. Wara l-omelija ssir iċ-ċerimonja tal-Vestizzjoni tal-Abbatini ġodda. Janimaw il-Korijiet tal-oqsma tal-MUSEUM. Wara Kurunella, Antifona u Barka Sagramentali. 9.00 p.m.: Attività għat-tfal fi Pjazza 28 t’April 1688 bis-sehem tal-Iskola Primarja Dun Salv Vella, Skola tas-Sorijiet Franġiskani u l-oqsma tal-MUSEUM subien u bniet.
It-Tlieta, 22 ta’ Ġunju: Ir-Raba’ Jum tan-Novena
JUM IŻ-ŻGĦAŻAGĦ
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.45.: Rużarju bis-sehem tal-komunità parrokkjali. 7.15.: Quddiesa tan-Novena mmexxija mis-saċerdot novell Dun Noel Debono. Janimaw il-liturġija ż-żgħażagħ tal-parroċċa. Wara Kurunella, Antifona u Barka Sagramentali. 9.00 p.m.: Żgħażagħ fest, attività miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ fi Pjazza 28 t’April 1688 organizzata miż-żgħażagħ taċ-Ċentru Parrokkjali flimkien mal-Kunsill taż-Żgħażagħ fi ħdan il-Kunsill Lokali. Jieħdu sehem mistiedna speċjali.
L-Erbgħa, 23 ta’ Ġunju: Il-Ħames Jum tan-Novena
JUM IL-MOVIMENTI, KOMUNITAJIET U GĦAQDIET TAL-PARROĊĊA
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.45 p.m.: Rużarju bis-sehem tal-komunità parrokkjali. 7.15 p.m.: Quddiesa tan-Novena ċċelebrata mill-Isqof Emeritus Mons. Nikol Ġ. Cauchi bis-sehem tal-Movimenti, Komunitajiet u Għaqdiet tal-parroċċa. Wara Kurunella, Antifona u Barka Sagramentali. 9.00 p.m.: Programm Mużikali Annwali mill-Banda ‘Mnarja’ fi Pjazza l-Arċipriet Dun Martin Camilleri taħt il-patroċinju tal-Arċipriet il-ġdid tal-Parroċċa Mons. Jimmy Xerri PH.L.
Il-Ħamis, 24 ta’ Ġunju: Is-Sitt Jum tan-Novena
JUM L-EVANĠELIZZAZZJONI U L-MISSJONI
Matul in-novena jibdew jinġabru oġġetti ta’ ikel fl-entraturi tal-Knisja biex wara jingħataw lil dawk il-persuni fil-bżonn. Ser jinġabru wkoll għotjiet ta’ flus għall-fond tal-karità tal-parroċċa.
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.45 p.m.: Rużarju bis-sehem tal-komunità parrokkjali. 7.15 p.m.: Quddiesa tan-Novena ċċelebrata mill-Isqof Emeritus Mons. Nikol Ġ. Cauchi bis-sehem tal-Movimenti tal-Evanġelizzazzjoni tal-parroċċa u familjari ta’ missjunarji Nadurin. Wara Kurunella, Antifona u Barka Sagramentali. 9.00 p.m.: Ikla Tradizzjonali tal-Imnarja fi Pjazza l-Arċipriet Dun Martin Camilleri bis-sehem ta’ diversi gruppi folkloristiċi u kantanti. Jisserva ikel tradizzjonali Malti. Fl-istess ħin il-Banda ‘Ite ad Joseph’ tal-Qala tagħmel marċ mat-toroq prinċipali li jintemm fi Pjazza l-Arċipriet Dun Martin Camilleri.
Il-Ġimgħa, 25 ta’ Ġunju: l-Ewwel Jum tat-Tridu
JUM IS-SAĊERDOTI U RELIĠJUŻI
Taħt il-Ħarsien tas-Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl
PUSSESS TAS-SEBA’ ARĊIPRIET U l-ĦMISTAX-il RAGĦAJ SPIRITWALI
TAL-PARROĊĊA TAN-NADUR
KAPPILLANI U ARĊIPRIETI
TAL-PARROĊĊA TAL-APPOSTLI SAN PIETRU U SAN PAWL
TAN-NADUR SA MIT-TWAQQIF TAGĦHA
__
Kappillan Dun Bernard Haber
(1688 - 1705)
Kappillan Dun Nazju Hagius
(1706 – 1708)
Kappillan Dun Ġann Indri Falson
(1708 – 1743)
Kappillan Dun Salv Galea
(1743 – 1778)
Kappillan Dun Franġisk Sapiano
(1778 – 1812)
Kappillan Dun Antonin Scasciato
(1812 – 1827)
Kappillan Dun Nikola Spiteri
(1828 – 1853)
Kappillan Dun Ġwann Battista Grech
(1855 – 1876)
Kappillan Dun Ġwann Camilleri
(1881 – 1893)
Arċipriet Kan. Ġwann Camilleri
(1894 – 1910)
Arċipriet Kan. Martin Camilleri S.T.D.
(1910 – 1921)
Arċipriet Kan. Anton Camilleri
(1922 – 1926)
Arċipriet Kan. Ġużepp Cassar
(1927 – 1950)
Arċipriet Mons. Mikiel Portelli
Protonotarju Appostoliku
(1951 – 1982)
Arċipriet Mons. Salvu Muscat
Protonotarju Appostoliku
(1983 – 2010)
Arċipriet Mons. Jimmy Xerri Ph.L.
Protonotarju Appostoliku
(2010)
Fil-ġranet tal-14, 15, u 16 ta’ Ġunju 2010, isiru żjajjar ta’ kortesija minn individwi u familji membri fi ħdan l-kumunità parrokkjali tan-Nadur, lil Mons. Arċipriet Jimmy Xerri PH.L. fid-Dar Parrokkjali, fi Triq il-Kappillan Dun Bernard Haber fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu ta’ Arċipriet ġdid tal-Parroċċa.
ĊERIMONJA TAL-PUSSESS
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.00 p.m.: L-Arċipriet maħtur Mons. Jimmy Xerri PH.L., akkompanjat mill-Kapitlu u Kleru tal-Parroċċa, mill-familjari u poplu Naduri, jitlaq f’Korteo mid-Dar Parrokkjali sal-Kolleġġjata Bażilika akkompanjat mill-Banda ‘Mnarja’. Diskors ta’ merħba, u wara l-Arċipriet maħtur flimkien ma’ Mons. Isqof iħabbat fuq il-bieb prinċipali tal-Bażilika. Dħul fil-Bażilika u tislima lill-istatwa Titulari tal-Appostli San Pietru u San Pawl mill-Arċipriet maħtur. 6.30 p.m.: Qari tad-digriet tal-ħatra l-ġdida tal-Arċipriet il-ġdid u Pontifikal Solenni mmexxi minn Mons. Isqof Mario Grech, Isqof t’Għawdex li fih Mons. Jimmy Xerri PH.L. jingħata l-pussess tal-Parroċċa. Waqt din iċ-ċerimonja, l-Arċipriet Mons. Jimmy Xerri PH.L. jingħata l-pussess tat-Tabernaklu, tal-Fondi tal-Magħmudija, tal-Konfessjonarju u tas-Sedja tiegħu fil-Kor tal-Bażilika. Ma’ dan hu jdoqq ukoll tlett tokki tal-qanpiena l-kbira minn nofs il-korsija tal-knisja. Fi tmiem jitkanta t-Te Deum b’radd il-ħajr lil Alla u wara l-Arċipriet il-ġdid tal-parroċċa jagħmel id-diskors tiegħu li fiħ jelenka l-pjan ta’ ħidma tiegħu bħala ragħaj spiritwali. Wara tiġi esegwita l-Antifona lill-Appostli San Pietru u San Pawl li ġġib fi tmiem din iċ-ċerimonja u jsir festin tal-okkażjoni fi Pjazza 28 t’April 1688.
Is-Sibt, 26 ta’ Ġunju: it-Tieni Jum tat-Tridu
JUM IL-KULTURA
It-43 Anniversarju mill-għoti tad-dinjità ta’ Bażilika Minuri lill-Knisja Arċipretali, Matriċi u Kolleġġjata Insinji tan-Nadur mill-Q.T. il-Papa Pawlu VI
Jum ta’ għaqda u talb għal Papa Benedittu XVI
5.30 p.m.: Quddiesa. 6.45 p.m.: Rużarju bis-sehem tal-komunità parrokkjali. 7.15 p.m.: Quddiesa tat-tieni jum tat-Tridu ċċelebrata mill-Isqof Emeritus Mons. Nikol Ġ. Cauchi li fiha titfakkar il-ħidma kulturali fi ħdan il-Parroċċa. Mistiedna dawk kollha li jaħdmu fil-qasam kulturali tal-Parroċċa. Fil-bidu tal-quddiesa Mons. Arċipriet Jimmy Xerri jbierek il-Wirja esebita fin-Niċċa tal-istatwa Titulari ta’ San Pietru u San Pawl marbuta mal-ħidma tas-saċerdot fi ħdan il-Parroċċa tan-Nadur. Wirja mtella’ fl-okkażjoni ta’ għeluq tas-Sena Saċerdotali. Waqt l-offertorju, numru ta’ għaqdiet joffru l-ħidma kulturali tagħhom lil Eċċ.T. Mons. Isqof Nikol Cauchi. Ma’ dawn jingħaqdu wkoll il-familjari ta’ numru ta’ saċerdoti mejtin mill-parroċċa li għexu ħajja eżemplari. Waqt l-offertorju jittella’ ukoll is-Salib Pettorali tal-Arċipriet il-Kan. Dun Martin Camilleri, li eżatt mitt sena ilu nhar l-għodwa tas-26 ta’ Ġunju 1910 kien ħa l-pussess ta’ Arċipriet tal-Parroċċa tan-Nadur. Fi tmiem il-quddiesa ssir it-Tifkira ta’ Għeluq il-Mitt Sena mill-Mewt tal-Arċipriet il-Kan. Dun Ġwann Camilleri. Isir il-qari tal-profil tiegħu, fanfara, u wara jitpoġġa bubkett ward f’riġlejn il-monument tiegħu mill-Arċiprieti tal-Parroċċi tan-Nadur, Xagħra, u Żebbuġ li fihom Dun Ġwann Camilleri serva bħala Kappillan u Arċipriet: Kappillan fiż-Żebbuġ bejn is-snin 1863 – 1865, Kappillan fix-Xagħra bejn is-snin 1865 – 1881 u fin-Nadur, Kappillan u aktar tard bħala Arċipriet bejn is-snin 1881 – 1910. Wara Kurunella, Antifona, Talba speċjali għal Q.T il-Papa Benedittu XVI fl-okkażjoni tat-43 Anniversarju mill-għoti tal-ġieħ ta’ Bażilika, u Barka Sagramentali. 9.30 p.m.: Marċ mat-toroq prinċipali mill-Baned ‘Mnarja’ tan-Nadur u ‘La Stella’ tal-Belt Victoria li jakkompanjaw l-istatwa ta’ ‘L-Għoti tal-Missjoni lill-Appostli San Pietru u San Pawl’. 11.30 p.m.: Tlugħ tal-istatwa fuq il-pedestall fi Triq Diċembru 13, u wara jsir feature speċjali li jintemm bi spettaklu ta’ Logħob tan-Nar.
Il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju: it-Tielet Jum tat-Tridu
JUM L-EMIGRANTI
5.00 p.m.: Quddiesa. 6.45 p.m.: Rużarju bis-sehem tal-komunità parrokkjali. 7.15 p.m.: Quddiesa tat-tielet jum tat-Tridu ċċelebrata mill-Isqof Emeritus Mons. Nikol Ġ. Cauchi. Mistiedna speċjali l-emigranti u r-residenti barranin. Wara Kurunella, Antifona, u Barka Sagramentali. 9.00. p.m.: Marċ mill-Banda ‘Mnarja’ mill-Każin sal-Pjazza. Fid-9.30 p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa tal-Appostli San Pietru u San Pawl mat-toroq prinċipali akkompanjata mill-Baned ‘Mnarja’ u ‘San Girgor’ ta’ Kerċem. 12.00 a.m.: Tlugħ tal-istatwa ta’ San Pietru u San Pawl fuq il-pedestall waqt li l-Banda ‘Mnarja’ tesegwixxi l-Innu Marċ ‘Lil San Pietru u San Pawl’, versi ta’ Patri Mattew Sultana u mużika ta’ Mro. Vincenzo Ciappara. Wara spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-art maħdum mill-Kamra tan-Nar ‘Qalb ta’ Ġesù’ tal-Fontana.
It-Tnejn, 28 ta’ Ġunju:
JUM IL-BENEFATTURI TAL-PARROĊĊA
Quddiesa tat-Te Deum
8.30 a.m.: Konċelebrazzjoni Solenni bis-sehem tal-komunità parrokkjali mmexxija minn Mons. Arċipriet Jimmy Xerri PH.L., assistit mill-Kapitlu u Kleru tal-Kolleġġjata Bażilika li fiha jitkanta it-Te Deum b’radd il-ħajr lil Alla għall-grazzji kollha miksuba matul dawn il-jiem ta’ festi solenni ad unur l-Appostli San Pietru u San Pawl.
Vġili tas-Solennità
Rebħ tal-Indulġenza Plenarja
Mat-tokki ta’ nofs il-jum il-Knisja Kattolika tagħti bidu
għas-Solennità Universali tal-Appostli San Pietru u San Pawl
12.00 p.m.: Mota Solenni li tħabbar il-bidu ta’ din is-Solennità Universali.
Frott l-Affiljazzjoni Spiritwali li l-Parroċċa Arċipretali, Matriċi, Kolleġġjata Insinji u Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur għandha mal-Bażilika Papali ta’ San Pietru fil-Vatikan u mal-Bażilika Papali ta’ San Paolo fuori le Mura ġewwa l-Belt ta’ Ruma, kulmin minn din il-lejla ta’ qabel dan il-jum ta’ festa tas-Solennità Universali, sat-tmiem tagħha fil-jum ta’ għada, jżur il-Bażilika tan-Nadur, jista’ jikseb l-Indulġenza Plenarja tal-maħfra tad-dnubiet xorta waħda daqs li kieku żar u nviżta, biex jikseb din il-grazzja ż-żewġ Bażiliċi Maġġuri msemmija fil-belt ta’ Ruma li huma mibnija fuq l-oqbra qaddisa tal-Prinċpijiet tal-Knisja.
Il-Kundizzjonijiet biex wieħed ikun jista’ jikseb din il-grazzja mogħtija minn Ommna l-Knisja huma: Qrara Sagramentali, Tqarbina Ewkaristika, u talba skond il-fehma tal-Papa, akkumpanjata mix-xewqa li jżomm bogħod mill-ħajra għad-dnub.
5.00 p.m.: Quddiesa fil-Bażilika tal-Vġili tas-Solennità. 6.00 p.m.: Marċ mill-Banda ‘Mnarja’ mis-Sede tal-istess Soċjetà fi Triq Diċembru 13 sal-Pjazza fejn wara tilqa’ il-wasla tal-Eċċ. T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi Isqof Emeritus bid-daqq tal-Innu Pontifiċju. 6.15 p.m.: Merħba lil Mons. Isqof fil-Portiku tal-Bażilika mill-W. Rev. Mons. Arċipriet, Kapitlu u Kleru tal-Kolleġġjata Bażilika u poplu Naduri, u viżta quddiem Ġesù Ewkaristija.
Translazzjoni Pontifikali
6.30 p.m.: Translazzjoni Pontifikali mill-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù sal-Knisja Bażilika bir-Relikwija tal-Appostli San Pietru u San Pawl immexxija mill-Eċċ. T. Mons. Isqof Emeritus Nikol Ġ. Cauchi, akkompanjat mill-W. Rev. Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika tan-Nadur bis-sehem ta’ rappreżentanza mill-W. Rev. Kapitlu tal-Knisja Katidrali. Takkompanja l-Banda ‘Mnarja’ bid-daqq ta’ marċi reliġjużi. Dħul tat-Translazzjoni Pontifikali fil-Bażilika u daqq tal-Antifona lill-Appostli San Pietru u San Pawl.
Talba Solenni tal-Ewwel Għasar tas-Solennità
6.45 p.m.: Ċelebrazzjoni tal-Ewwel Għasar tas-Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl ippresedut mill-Arċipriet tal-Parroċċa l-W. Rev. Jimmy Xerri PH.L., flimkien mal-W. Rev. Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika. Tiġi esegwita l-mużika ta’ Mro. Ġużeppi Camilleri taħt id-direzzjoni tal-‘Maestro di Cappella’ l-Kan. Ġużeppi Grech assistit minn Mro. Antoine Theuma. Jieħu sehem il-Kor ‘Jubilate Deo’ tal-Parroċċa. Kant tas-Salve Regina, Antifona, u Barka Sagramentali. 8.15 p.m.: Quddiesa.
9.00 p.m.: Spettaklu ta’ Logħob tan-Nar tal-Ajru fl-inħawwi tal-Ġebel l-Aħmar maħdum mill-Kmamar tan-Nar ta’ ‘Santa Marija’ tal-Imqabba, ‘Farrugia Brothers’ tal-Fontana u ‘Madonna tal-Virtu’ Għarb. 9.30 p.m.: Marċ mill-Banda ‘Victory’ minn Triq il-Knisja sal-Pjazza fejn wara tesegwixxi programm mużikali fuq il-palk prinċipali. 10.00 p.m.: Mill-Pjazza jibda l-marċ ta’ lejliet il-festa mill-baned ‘Mnarja’ u ‘La Stella’ mat-toroq prinċipali. F’nofs il-lejl spettaklu ta’ Logħob tan-Nar tal-Art maħdum mill-Kamra tan-Nar ‘Qalb ta’ Ġesù’ tal-Fontana.
It-Tlieta, 29 ta’Ġunju
JUM IS-SOLENNITÀ UNIVERSALI TAL-APPOSTLI SAN PIETRU U SAN PAWL
Il-Parroċċa tan-Nadur tingħaqad mal-Knisja f’Ruma flimkien ma’ dik Universali f’dan il-jum ta’ Solennità f’ġieħ il-Prinċpijiet tal-Knisja l-Appostli San Pietru u San Pawl.
Quddies fil-Bażilika: 5.00a.m., 6.00 a.m., 7.00 a.m. 9.00 a.m. (Pontifikal Solenni), 11.30 a.m. u 5.00 p.m.
Fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù: 6.15 a.m., 9.30 a.m. u 10.30 a.m.
7.45 a.m.: Kant tal-Uffiċċju tal-Qari u Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum mill-W. Rev. Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika. 8.30 a.m.: Wasla tal-Eċċ. T. Mons. Isqof Mario Grech fid-Dar Parrokkjali fejn jingħata merħba minn Mons. Arċipriet Jimmy Xerri PH.L. flimkien mal-W. Rev. Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika. 8.40 a.m.: Il-Kapitlu u Kleru tal-Parroċċa jakkompanjaw lill-Eċċ. T. Isqof t’Għawdex sal-Bażilika.
Pontifikal Solenni
9.00 a.m.: Pontifikal Solenni ta’ Jum is-Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl mmexxi mill-Eċċ. T. Mons. Isqof Mario Grech Isqof t’Għawdex, akkompanjat b’ rapreżentanza tal-Kapitlu Katidrali bis-sehem tal-W. Rev. Mons. Arċipriet u Kleru tal-Parroċċa. Tiġi eżegwita l-Quddiesa ta’ Mro. Ġużeppi Camilleri bis-sehem tal-Kor ‘Jubilate Deo’ taħt id-direzzjoni tal-‘Maestro di Cappella’ il-Kan. Ġuzeppi Grech li jkun assistit minn Mro. Antoine Theuma. Wara l-omelija Mons. Isqof Mario Grech jagħti il-premju ‘Qalb Ġeneruża’ mniedi mill-parroċċa lit-tifel jew tifla rebbieħ/a li matul is-sena jkun/tkun wera/uriet ġenerożità ma’ min hu anqas ixxurtjat. Fit-tmiem tingħata l-Barka minn Mons. Isqof u tiġi esegwita l-Antifona lill-Appostli San Pietru u San Pawl.
11.30. a.m.: Marċ popolari ta’ filgħodu mill-Baned ‘Santa Elena’ ta’ Birkirkara u ‘De Rohan’ ta’ Haż Żebbuġ li jibda mill-Pjazza u jagħdi għal Triq il-Kappillan, Triq Xandriku, Triq San Ġwann, Triq Diċembru 13 u jintemm fil-Pjazza.
Għasar Solenni
6.15 p.m.: Wasla tal-W.Rev. Mons. Arċipriet fejn jiġi milquħ fil-Portiku tal-Bażilika mill-W.Rev. Kapitlu u Kleru tal-Kolleġġjata.
6.30 p.m.: Ċelebrazzjoni Solenni tat-tieni Għasar tas-Solennità ippresedut mill- W. Rev. Mons. Arċipriet Jimmy Xerri PH.L., flimkien mal-W.Rev. Kapitlu tal-Kolleġġjata Bażilika. Kant tas-Salve Regina u Antifona lill-Appostli San Pietru u San Pawl.
7.00 p.m.: Marċ mill-Banda ‘Prekursur’ tax-Xewkija minn ħdejn il-Każin tal-Banda ‘Mnarja’ sal-Pjazza. 7.15 p.m.: Marċ mill-Banda ‘Mnarja’ minn ħdejn il-Każin tagħha sal-Pjazza.
Purċissjoni bl-Istatwa Titulari
8.00 p.m.: Ħruġ Solenni tal-istatwa Titulari tal-Appostli San Pietru u San Pawl mill-Bażilika. Merħba mill-poplu Naduri u esekuzzjoni tal-innu ‘Divi Sovrani’ tal-Arċipriet il-Kan. Anton Camilleri mill-Banda ‘Mnarja’ bis-sehem tal-Kor ‘Jubilate Deo’ tal-parroċċa taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Grech. 8.30 p.m.: Purċissjoni bl-istatwa Titulari mmexxija mill- W. Rev. Mons. Arċipriet Jimmy Xerri PH.L. bis-sehem tal-W. Rev. Kapitlu u Kleru tal-Kolleġġjata Bażilika, abbatini u fratellanzi tal-Parroċċa. Takkompanja l-Banda ‘Mnarja’ b’marċi reliġjużi. Waqt il-purċissjoni jittella’ spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru maħdum mid-ditta ‘St. Michael Fireworks’ ta’ Ħal Lija.
9.00 p.m.: Il-Baned ‘Prerkursur’ tax-Xewkija u ‘Santa Margerita’ ta’ Sannat jesegwixxu Programm Mużikali fi Pjazza San Pietru u San Pawl.
10.00 p.m.: Wasla tal-purċissjoni fil-pjazza. Tislima lill-Appostli San Pietru u San Pawl mill-poplu Naduri bil-kant tal-innu ‘Lil San Pietru u San Pawl’, kaxxa tad-dħul u spettaklu finali ta’ logħob tan-nar tal-ajru maħdum minn ‘St. Michael’s Fireworks’ ta’ Ħal Lija. 10.30 p.m.: Dħul Solenni tal-purċissjoni fil-Bażilika, Antifona u Barka Sagramentali.
11.00 p.m.: Marċ brijuż mill-Banda ‘Santa Margertia’ ta’ Sannat mill-bidu ta’ Triq Diċembru 13 sal-Pjazza.
Tmiem ta’ dan il-Jum ta’ Solennità
f’ġieħ il-Prinċpijiet tal-Knisja l-Appostli San Pietru u San Pawl
Ħajr lil Alla għall-grazzji kollha li għoġbu jsawwab fuqna f’dawn il-jiem ta’ festa.
_____________
Is-Sibt, 3 ta’Lulju
L-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Dun Noel Debono
6.00 p.m.: Il-Banda ‘Mnarja’ takkompanja l-Korteo tas-Saċerdot Novel Dun Noel Debono, mid-dar tal-familja tiegħu fi Triq il-Knisja sal-Kolleġġjata Bażilika. 6.30 p.m. Fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, l-Ewwel Quddiesa Solenni tas-Saċerdot il-ġdid Dun Noel Debono.
It-Tnejn, 5 ta’ Lulju
Jum ta’ Radd il-Ħajr
7.30 p.m.: Quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Bażilika minn Mons. Arċipriet Dun Jimmy Xerri PH.L. u wara jsir id-dħul tal-Istatwa Titulari tal-Appostli San Pietru u San Pawl fin-niċċa.